Din l-ittra dehret fuq l-Orizzont tas-Sibt 12 t'Ottubru wara l-Festi Centinarji ta' l-400 sena parrocca, li ma nizlu xejn tajjeb mal-Mostin._______________________________________________________________________________________
Sur Editur,
Nhar is-16 ta’ Settembru, 2008, ġew fi tmiemhom iċ-ċelebrazzjonijiet li l-Mostin għamlu biex ifakkru l-400 sena mit-twaqqif tal-parroċċa tal-Mosta. Bdejna fis-16 ta’ Settembru, 2007, u ġejna mwegħdin sena sħiħa ta’ attivitajiet u ċelebrazzjonijiet.
Wara l-quddiesa ta’ nhar il-Ħadd, l-14 ta’ Settembru, 2008, kelliem tal-Grupp Organizzattiv, taħt it-tmexxija tal-Arġipriet Dun Mario Tong, tana lista ta’ dak kollu li sar matul din is-sena.
Qalilna li saru żewġ laqgħat ta’ formazzjoni. Ġabu żewġ korijiet li taw żewġ kunċerti fir-Rotunda. Wieħed minnhom nhar it-30 ta’ Mejju, 2008, fl-okkażjoni tal-175 sena mit-tqegħid tal-ewwel ġebla tar-Rotunda u għalhekk m’għandu x’jaqsam xejn maċ-ċelebrazzjonijiet taċ-ċentinarju.
Għamlu kompetizzjoni għat-tfal tal-iskola. Qalilna li ċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi ta’ matul is-sena saru kollha – bħalma jsir is-soltu. Fil-festa ta’ Santa Marija, li suppost kellha tkun il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet, sar kollox bħas-soltu.
Kellha ssir akkademja fir-Rotunda u ħassruha. Kulħadd kien jistenna, għax hekk kien ġie mħabbar, li fis-sena taċ-ċentinarju jiġi restawrat iz-zuntier tal-Knisja li f’ħafna partijiet minnu huwa perikoluż. Tant hu hekk li meta f’April li għadda twaħħal ma’ pilastru taz-zuntier il-permess tal-MEPA biex isir salib kbir tal-ġebel fil-pjazza, (salib li ma sarx minħabba l-oppożizzjoni tal-Kunsill Parrokkjali immexxi mill-Arċipriet u tal-Kunsill Lokali), kulħadd ħa r-ruħ għax kulħadd ħaseb li wasal il-permess biex jiġi rranġat iz-zuntier. Iżda kulħadd baqa’ b’xiber imnieħer għax ma sar xejn u z-zuntier baqa’ fl-istat perikoluż li kien.
Is-sorpriża tahielna l-Arċipriet, meta wara d-diskors tar-rappreżentant tal-grupp organizzattiv, l-Arċipriet spjegalna li l-proġett ta’ dan iċ-ċentinarju kellu jkun iż-żewġ statwi tal-bronż flok dawk li hemm fuq iz-zuntier tal-Knisja (mhux ir-restawr taz-zuntier innifsu).
L-Arċipriet kien ħabbar li dawn l-istatwi se jsiru tal-bronż, f’Settembru tal-2007. Mill-ewwel kien hemm żewġ benefatturi li offrew li jħallsu statwa kull wieħed. Għalhekk l-Arċipriet kellu moħħu mistrieħ mill-fondi neċessarji u sena sħiħa biex dan il-proġett isir fil-ħin.
Iżda nhar l-14 ta’ Settembru, 2008, l-Arċipriet informana li l-istatwi għadhom m’humiex lesti. Kompla qalilna li aħjar ma ngħaġġlux għax inkella jistgħu jsiru l-iżbalji. Il-veru każ li ma jiżbaljax min qatt ma jagħmel xejn.
Xi wħud bdew jistaqsu “kemm se ndumu ngħaddu lill-parruċċani Mostin biż-żmien?” Mhux ta’ b’xejn li dan l-atteġġjament qiegħed jiġbed l-istmerrija ta‘ ħafna Mostin u jnissel ħafna tgergir fost il-poplu!
Iċ-ċelebrazzjoni tal-14 ta’ Settembru, 2008, ġiet fi tmiemha billi fir-Rotunda ġiet inawgurata plakka kommemorattiva li tfakkar iċ-ċelebrazzjonijiet tar-raba’ ċentarju tal-parroċċa tal-Mosta taħt l-Arċipriet Dun Mario Tong (miktub b’ittri kbar). Għall-inqas din il-plakka tlestiet fil-ħin. Jidher li din il-plakka kommemorattiva kienet l-aktar importanti!
Fidil
Mosta
